Previous slide
Next slide

 

Mat-triq li minn Ħ’Attard tagħti għal Il-Ħamrun wieħed isib l-Akwedott mibni fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt li kien iġorr l-ilma lejn il-belt kapitali Il-Belt Valletta (Citta’ Umilissima). Ir-raħal li minnu jgħaddi l-Akwedott huwa Santa Venera. Dan l-Akwedott inbeda l-bini tiegħu fl-1611 u kien lest fi żmien erba’ snin. 

Mal-ġenb tal-arkati li jerfgħu dan l-Akwedott hemm il-famuż palazz magħruf bħala Casa Leoni mibni mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena u lest madwar is-sena 1730. Dan il-palazz, illum jospità fih Ministeru li hu imdawwar bi ġnien. Huwa meqjus bħala wieħed mill-isbaħ ġonna f’Malta meta mqabbla ma’ oħrajn tad-daqs tiegħu. 

Ħdejn il-palazz wieħed isib ġnien pubbliku li jismu Romeo Romano. F’waħda mill-irkejjen ta’ dan il-ġnien wieħed isib mitħna antika tal-ilma li għadha miżmuma fi stat tajjeb ferm. Fil-parti l-oħra tal-ġnien hemm wirja żgħira ta’ għodod antiki li kienu jiġu użati għall-qasam agrikolu. F’parti oħra ta’ dan il-ġnien hemm ukoll farmhouse li hija wkoll miftuħa għall-pubbliku. Il-kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed jagħmel minn kollox biex dan il-patrimonju kulturali li ħallew missirijietna fil-qalba tal-lokalità ta’ Santa Venera  jibqa’ jitgawda minn kulħadd.