Ġeografija u Storja

Dwar Santa Venera

Il-lokalità tinsab fiċ-ċentru ta’ tliet lokalitajiet kbar, Birkirkara, Ħamrun u Ħal Qormi.

Mat-triq li minn Ħ’Attard tagħti għall-Ħamrun wieħed isib l-akkwedott mibni fi żmien il-Gran Mastru Alof de Wignacourt li kien iġorr l-ilma lejn il-belt kapitali Valletta. Il-lokalità li minnha jgħaddi l-akkwedott hija dik ta’ Santa Venera. Dan l-akkwedott beda jinbena fl-1611 u kien lest erba’ snin wara.

Mal-ġenb tal-arkati li jerfgħu dan l-akkwedott hemm il-famuż palazz  li huwa magħruf bħala Casa Leone, mibni mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena u li tlesta madwar is-sena 1730. Dan il-palazz, li llum fih Ministeru, huwa mdawwar bi ġnien li kien meqjus bħala wieħed mill-isbaħ ġonna f’Malta meta mqabbla ma’ oħrajn tad-daqs tiegħu.

Ħdejn il-palazz wieħed isib ġnien pubbliku, bl-isem ta’ Romeo Romano. F’waħda mill-irkejjen tagħha wieħed isib mitħna tal-ilma antika li għadha miżmuma fi stat tajjeb ferm, u f’parti oħra tal-ġnien hemm wirja żgħira ta’ għodod antiki użati fl-agrikoltura. F’parti oħra ta’ dan il-ġnien hemm ukoll farmhouse miftuħa għall-pubbliku.

Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed jagħmel minn kollox biex dan il-patrimonju kulturali li ħallew missirijietna fil-qalba tal-lokalità ta’ Santa Venera  jibqa’ jitgawda minn kulħadd.